Melvin Debono ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li spara żewġ tiri waqt argument mat-tfajla tiegħu nhar il-Ħadd li għadda fl-Isla.
Debono wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mhux liċenzjata, naqas milli jinforma lill-Pulizija li għandu l-arma fil-pusses tiegħu, attakka mara b’theddid u li kiser ukoll il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Audrey Micallef qalet li l-pulizija marru fuq il-post immedjatament meta waslilhom ir-rapport fejn hemm sabu lill-akkużat. Waqt it-tfixxijiet li għamlu fil-karozza ta’ Debono, l-Pulizija sabu arma tan-nar u kważi €19,000 fi flus kontanti.
Fuq ix-xena tar-reat instabet qoxra ta’ balla, bil-balla nstabet imwaħħla ġo ħajt.
Il-Pulizija qalet li l-allegat vittma ma kinitx fuq il-post.
L-Avukati li qed jidhru għall-akkużat talbu għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Ispettur Camilleri oġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li argumenta li l-akkużat spara tiri f’żona abitata u li għad iridu jitressqu aktar persuni biex jagħtu x-xhieda tagħhom.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/11/bil-filmat-sparati-tiri-barma-tan-nar-fl-isla-il-pulizija-qed-tfittex-persuna-3/