Etienne Buttigieg li joqgħod Birżebbuġa nżamm arrestat wara li ġie mixli li kkawża ġrieħi gravi f’sieq ta’ surġent tal-Pulizija wara li saq minn fuq saqajh.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Dorianne Cuschieri, spjegat li s-Sibt 16 ta’ Settembru daħal rapport li mara ma tistax toħroġ il-karozza tagħha mill-garaxx għax kien hemm vann ipparkjat f’Birżebbuġa.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u sabet il-vann ipparkjat u kelmet lill-imputat. Etienne qalilhom li l-vann kellu xi ħsara u qed jipprova jirranġah mill-aktar fis biex iċaqalqu.
Sakemm kien hemm il-pulizija fuq il-post, il-pulizija nnutat li l-pjanċi tal-vann ma jaqblux ma dak rreġistrat.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li din ma kinitx l-ewwel darba li ġara dan il-każ fil-konfront tal-imputat.
Sadanittant, Etienne rnexxielu jirranġa dan il-vann u l-Pulizija ordnawlu ma jċaqlaqx dan il-vann u ma jsuqx.
Però l-imputat ma semax mill-ordnijiet tal-Pulizija u waqt li pprova jitlaq, surġent tal-pulizija li kien fuq il-post ipprova jżomm mal-mera tal-ġenb tal-vann biex iwaqfu imma l-imputat baqa’ sejjer u b’konsegwenza ta’ hekk rifes fuq sieq is-surġent u kkaġunalu ġrieħi gravi fil-pala ta’ siequ.
Wara dan l-inċident intalab mandat ta’ arrest u saru tfittxijiet sew fi triq il-Biedja Birżebbuġa, f’Ħal Kirkop u ż-Żejtun.
Il-Ħadd filgħodu l-imputat instab f’farmhouse fiż-Żejtun stess.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni fuq l-argument li l-fedina penali tal-imputat hija waħda kkulurita wara li diġa nstab ħati fuq akkużi simili marbuta ma’ uffiċjali pubbliċi.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras, oġġezzjonat it-talba għall-ħelsien mill-arrest.