Raġel ta’ 37 inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li pprova jistupra u jifga lil martu.
Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità ta’ martu u t-tliet uliedhom li għadhom minuri.
L-akkużat li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni ġie mixli b’attenat ta’ stupru, li żammha kontra r-rieda tagħha u pprova jifgaha.
Allegatament, ir-raġel ipprova jċarrat ħwejjeġ martu biex ikollu x’jaqsam magħha imma l-mara rreżistiet. Dan l-aġir allegatament seħħ meta t-tfal kienu d-dar.
Sorsi qalu li r-relazzjoni tal-koppja ma kinitx stabbli u r-raġel ma setax jaċċetta r-realtà.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li rrimarkat li din kienet l-ewwel darba li hu qatt deher quddiem il-ġustizzja. Barra min hekk id-difiża argumentat li r-raġel irid imantni lit-tliet uliedu.
Madanakollu, l-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, oġġezzjonat fuq il-fatt l l-proċeduri għadhom fi stadju bikri ħafna.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.