Ion Boghiu, ta’ 24 sena mill-Moldova, inżamm arrestat wara li wieġeb mli hux ħati ta’ involviment biex jiddaħħlu 25 kilo kokaina f’Malta b’valur fit-triq ta’ madwar €2.2 miljun.
Fil-Qorti nstema’ kif, ilbieraħ, il-Pulizija kienet għaddejja bi spezzjonijiet fil-port fejn jieqaf il-katamaran. Hemmhekk, twaqqfet il-karozza tal-imputat, li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż, u l-Pulizija nnutaw li ċerti partijiet tal-karozza ma kinux normali.
Fosthom, huma nnutaw li diversi partijiet mill-karozza kienu msaddin, iżda l-boltijiet tat-tank tal-fjuwil kienu qishom ġodda.
Għalhekk, il-Pulizija ħadu l-karozza lura f’garaxx fejn qalgħu t-tank tal-petrol u hawn allegatament instabu mal-25 kilo kokaina.
Intqal ukoll li miegħu kien hemm ukoll tfajla ta’ 18-il sena, iżda taħt ġurament hija rrilaxxat stqarrija u rriżulta li kienet biss passiġġiera u ma kinitx taf bil-kontenut fil-karozza.
It-tfajla xehdet fil-Qorti u qalet li ndunat li l-karozza kellha xi ħaġa supettuża meta kienu fil-garaxx tal-Pulizija, fejn l-akkużat allegatament qalilha li kien hemm xi ħaġa fit-tank tal-petrol qabel ma dan infetaħ mill-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li l-assi tal-imputat jiġu ffriżati; talba li ntlaqgħet mill-Qorti.
Id-difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.