Żagħżugħ ta’ 24 sena, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti u li joqgħod Birżebbuġa nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li beżża’ lill-eks sieħba tiegħu u lil uliedha li kienet se tintuża l-vjolenza kontrihom.
Fil-Qorti, l-Ispettur Omar Zammit spjega li minn Ottubru li għadda, minn mindu ntemmet ir-relazzjoni tagħha mal-akkużat, l-allegata vittma għamlet mill-inqas ħames rapporti kontra l-akkużat.
Spjega li l-aħħar rapport kien dwar allegat theddid li se jkisser il-bieb tad-dar tal-eks sieħba u li fuqu allegatament kellu turnavit.
L-avukati difensuri tal-imputat talbu li jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Il-Qorti,immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia, ċaħdet it-talba tad-difiża minħabba l-gravità tal-każ.