Raġel ta’ 54 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ aggressjoni u serqa fuq anzjan f’Santa Venera.
Il-każ seħħ fis-seba’ ta’ Mejju li għadda, għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħaxija, meta l-anzjan ta’ 57 sena nstab mixħut mal-art, b’feriti f’rasu, f’Misraħ il-Barrieri, Santa Venera.
Minn stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li xi ħadd ħebb għall-anzjan waqt li kien miexi.
L-aggressur waqqgħu mal-art u seraqlu l-kartiera li kien fiha xi flus.
L-akkużat ġie arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun, wara li l-pulizija qalet li ġie identifikat permezz ta’ diversi investigazzjonijiet u analiżi minn kameras tas-sigurtà.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard.