Christian Scerri ta’ tletin sena u residenti fil-Belt Valletta baqa’ jinżamm arrestat wara li kien akkużat bi traffikar ta’ madwar kilo u tmien mitt gramma ta’ sustanza suspettata kokaina.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali li Scerri kien se jkun involut fi traffikar ta’ droga.
Wara li l-Pulizija segwietu, ġie deċiż li dan jiġi mwaqqaf, u wara tfittxija, instab basket fuq is-seat tal-passiġġier, liema basket allegatament kien fih diversi pakketti żgħar ta’ droga.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin dwar dan il-każ, u mhux eskluż li jitressqu persuni oħra.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif sostniet li Scerri huwa persuna tajba f’sitwazzjoni ħażina.
Minkejja dan il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi kif ukoll minħabba l-ammont sostanzjali ta’ droga involut, liema droga huwa maħsub li għandha valur t’aktar minn mitt elf ewro.