Żagħżugħ ta’ 20 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, il-Ħamis inżamm arrestat wara li ġie akkużat li stupra lill-aħwa tiegħu minn ġenituri differenti u wkoll lill-oħtu bijoloġika.
L-allegati każijiet ta’ stupru seħħew fl-aħħar seba’ snin u l-imputat ġie mixli li stupra lill-oħtu u ħuh minn ġenituri differenti fir-residenza tagħhom fil-Qala.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-vittmi kellhom 10 u 11-il sena rispettivament filwaqt li l-oħt bijoloġika tiegħu kellha biss 9 snin. L-imputat kellu 13-il sena meta l-allegati każijiet ta’ stupru bdew.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal din it-talba u titlob għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi.
Il-Maġistrat Simone Grech laqgħet din it-talba filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Dan hekk kif l-allegati vittmi għad iridu jixhdu.