Charlton Mifsud ta’ 39 sena mill-Imqabba, li jaħdem bħala burdnar, tressaq b’urġenza fil-Qorti fejn ġie mixli li, il-Ġimgħa filgħaxija, hedded u attakka tliet uffiċjali tal-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Minkejja talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, m’approvatx u, għaldaqstant, inżamm arrestat sakemm ikompli l-każ.
Il-prosekuzzjoni qalet li r-raġel u missieru kienu msejħin fl-istess għassa minħabba rapport ta’ sewqan perikoluż, iżda appena wasal fil-post Charlton Mifsud beda jsabbat mal-perspex, filwaqt li ma riedx jagħti d-dettalji tiegħu lill-uffiċjali. Ingħad li hu saħansitra rreżista l-arrest u attakka tliet pulizija, b’wieħed minnhom isofri ksur f’id waħda, waqt li ieħor sofra ġrieħi ħfief.
Filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Mifsud, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba s-serjetà tal-każ u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Minbarra hekk, din argumentat li m’għandhiex fiduċja li l-akkużat jobdi l-ordnijiet imposti mill-Qorti, ġaladarba lanqas biss segwa l-ordnijiet li tawh il-pulizija.
Issemma wkoll kif, fl-imgħoddi, l-akkużat kien diġà xellef difrejh mal-ġustizzja b’każi oħrajn ta’ theddid, aggressjoni u reati marbutin mad-droga.