Raġel ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’serq ta’ ħwejjeġ u ta’ karozza.
Ludwig Bugeja ġie akkużat li f’Jannar allegatament seraq karozza u fi Frar seraq xi ħwejjeġ.
Fil-Qorti l-Ispettur Sarah Zerafa qalet li Bugeja ġie identifikat minn filmati tas-sigurtà ta’ supermarket jisraq il-ħwejjeġ.
Qalet li meta ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ, meta kien fil-kustodja tal-pulizija ġie identifikat f’każ ieħor li l-pulizija kienet qed tinvestiga.
Il-pulizija kellha wkoll filmat ta’ karozza li kienet qiegħda tinsteraq karozza f’Raħal Ġdid.
Il-pulizija meta arrestat lill-akkużat, sabu li Bugeja kien il-persuna li fil-filmat deher jidħol fil-karozza u jsuqha.
Fil-Qorti Bugeja qal li ma jaħdimx u wieġeb mhux ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu.
Bl-avukat tal-għajnuna legali, Josette Sultana, talbet il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax ma kkoperax mal-pulizija, nstab ħati fil-passat fuq serq u fadal xhieda li se jixhdu f’dan il-każ.
Aktar minn hekk, il-prosekuzzjoni qalet li meta saret tfittxija fid-dar tal-akkużat, ma nstabx ikel imma nstabu affarijiet relatati mad-droga kif ukoll oġġetti ta’ persuni oħra.
Għaldaqstant, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.