Nathan Camilleri ta’ 24 sena li jgħix il-Pietà inżamm arrestat wara li għamel ħsara fuq binja tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali f’Santa Venera.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Ian Vella spjegat li fit-13 ta’ April il-pulizija ġiet infurmata minn ħaddiem li jaħdem fuq il-post li l-akkużat kisser il-kameras tas-sigurtà f’Santa Venera bil-ħsara tammonta 250 ewro.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-imputat diġa kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja f’każ separat.
Huwa ġie akkużat ukoll li jgħix ħajja ta’ għażż u li hu riċediv.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkiżi miġjuba kontrih.
Id-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u b’hekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo żammet lill-imputat arrestat.