Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Kosta tal-Avorju nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi skema ta’ frodi, magħrufa aktar bħala “romance fraud.”
Kien is-Sibt li għadda li l-Pulizija waslet għall-arrest tar-raġel li kien qed jgħix f’appartamanet f’San Pawl il-Baħar.
Dan wara li fi Frar illi għadda tressqu l-Qorti sitt persuni b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala ‘romance fraud’, fejn komplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din l-iskema bil-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u l-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, waslu għall-arrest tiegħu.
Mill-investigazzjonijiet li sar rriżulta li l-vittma, mara ta’ 58 sena, daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li allega li huwa Malti-Awstraljan li kien qiegħed jgħix Malta, imma kellu jmur lura l-Awstralja.
Għaldaqstant, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ miegħu, hija ddepożitat eluf ta’ ewro f’kont bankarju.
Irriżulta li l-persuna li kienet qiegħda tirċievi l-flus ma kienx qiegħed jgħix l-Awstralja, iżda Malta.
Hu tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud fejn ġie akkużat li kien involut fi skema ta’ frodi li wasslet għar-reat ta’ ħasil ta’ flus.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Dr Karl Muscat, Dr Sean Xerri de Caro u Dr Abigail Caruana Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Ispettur Claire Borg mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomici.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u baqa’ taħt arrest preventiv.