Angelo Di Stefano, negozjant ta’ 32 sena minn Catania nżamm arrestat wara li ġie mixli li ffroda żewġ kumpaniji tal-kostruzzjoni Maltin.
Huwa ġie mixli b’sitt kapi t’akkuża li ffroda lil Elbros Construction is-somma ta’ għoxrin-elf ewro u lil AM Developments Limited is-somma ta’ tlettax-il elf ewro. Huwa allegatament ppropona negozju imma ħarab ladarba kien akkwista l-flus.
L-avukat Joe Brincat li deher għall-imputat caħad l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, iżda qal li l-klijent tiegħu kien lest li jrodd lura l-flus. Huwa talab ukoll il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech caħdet din it-talba abbażi li l-imputat m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta, li fadal diversi xhieda x’jixhdu u li l-imputat jista jaħrab lejn pajjiżu u juża provedimenti fil-liġijiet Taljani sabiex jiżgiċċa l-ġustizzja hawn Malta.
Għal kumpaniji tal-kostruzzjoni deher l-avukat Joe Giglio bħala parte civile.