Rejith Reve, Indjan li għandu 28 sena u li joqgħod Birkirkara ttella’ l-Qorti akkużat li ffalsifika dokumenti, firem u kuntratti f’isem il-kumpanija Bonnici Group.
Hu ġie mixli wkoll li ħajjar persuni oħra sabiex jiġu reklutati mal-kumpanija u talab għas-somma ta’ elf u mitejn ewro għal kull kuntratt.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat irnexxielu jagħlaq tmien kuntratti u rnexxielu jagħmel qligħ ta’ għaxart elef ewro.
Meta mitkellma mill-pulizija, wieħed mill-vittmi qal li l-akkużat offra impjieg lilu u lill-qraba tiegħu ma’ Bonnici Group u qal li l-akkużat bagħat tliet kontijiet bankarji sabiex il-vittmi jibgħatu l-flus f’dawn il-kontijiet liema kontijiet m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-kumpanija inkwistjoni.
L-avukat tad-difiża filwaqt li talab għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, saħaq li din il-Qorti tal-Maġistrati m’għandhiex ġurisdizzjoni tisma’ dan il-każ hekk kif l-ebda flejjes m’għaddew minn kontijiet Maltin u sostna li l-ebda kuntratt ma ġie ffirmat f’Malta u ma ġewx ippreżentati quddiem awtoritajiet Maltin.
Hawnhekk il-Qorti ordnat li l-każ ikompli jinstema’ f’Malta hekk kif il-liġi tagħti s-setgħa ta’ prosekuzzjoni anki jekk parti biss mir-reat seħħ f’Malta.
Fir-rigward tal-ħelsien mill-arrest, il-Qorti, fid-dawl tal-akkużi serji fil-konfront tal-akkużat u minħabba li għad baqa’ numru ta’ xhieda li għad iridu jixhdu fost oħrajn, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.