Raġel li għandu 26 sena wieġeb mhux ħati li fera ħafif lill-omm it-tifla tiegħu.
L-imputat kien akkużat ukoll li kkawża biża’ li ser tintuża l-vjolenza fuq omm bintu.
Dan filwaqt li kien mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni u kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja imposti fuqu mill-Qorti lura fl-2019.
L-ispettur Eman Hayman stqarr fil-qorti li l-pulizija rċeviet telefonata anonima mingħand persuna li semgħet xi għajjat. Fuq il-post il-pulizija sabu lill-koppja ma’ binthom f’ħin li l-argument kien laħaq sfaxxa fix-xejn.
Fil-Qorti ngħad li l-koppja ġġieldu fuq kif kienet maqtugħa l-patata.
Omm it-tifla qalet lill-pulizija li r-raġel kien aggrediha meta ġibidha minn xagħarha waqt li kienet qed timxi fit-triq.
Fil-qorti ħareġ li dan mhuwiex l-ewwel inċident tal-koppja. Huwa mifhum li każ verament simili seħħ fil-passat u konsegwentament minnu ġie impost l-ordni ta’ protezzjoni.
L-avukat tad-difiża Roberto Montalto talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.