Sirjan ta’ tlieta u erbgħin sena, residenti Pembroke, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti, mixli li weġġa’ qraba b’virga tal-ħadid u sikkina. Il-każ seħħ it-Tnejn filgħaxija l-Pietà.
Fil-Qorti, l-Ispettur Robert Vella spjega kif nhar it-Tnejn li għadda l-Pulizija ġiet infurmata li nqala argument f’residenza fil-Pieta. Jirriżulta li meta l-Pulizija marret fuq il-post, innotat li kien hemm ħafna dmija mal-art.
Mill-investigazzjoni li saret, irriżulta li l-akkużat kellu argument ma’ martu fid-dar. Hawn is-Sirjan ħebb għall-martu u fl-istess ħin, ikkaġuna ħsara fit-televiżjoni u fil-fridge.
Wara dan l-argument, l-imputat mar fid-dar tal-kunjata tiegħu u taha daqqa f’għajnejha, wara mar fl-istabbiliment li għandhom il-familjari ta’ martu u kien hawnhekk fejn iltaqa ma’ missier il-mara.
L-akkuzat laqat f’wiċċu lil vittma permezz ta’ ħadida tant li kellu jiġi operat immedjatament.
L-akkużat mar l-Għassa minn jeddu fejn irriżulta li l-akkużat kien qed iġorr fuqu sikkina li skont l-akkużat ma kinetx tiegħu. Quddiem il-Qorti l-imputat ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi lil missier il-mara kif ukoll ġrieħi ħfief lil ibnu u lil omm il-mara.
Huwa ġie mixli ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, u li kiser l-ordni pubblika b’għajjat u ġlied. Filwaqt li hedded bil-mewt lil martu. L-imputat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Audrey Demicoli ċaħdet it-talba tad-difiża u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv.