Raġel inżamm arrestat wara li allegatmanet kiser ordni ta’ protezzjoni billi ċempel lil martu jsaqsiha fuq uliedhom.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar biex tkun protetta l-identità tat-tfal, tressaq mill-Ispettur Matthew Spagnol quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
Fil-Qorti ntqal li l-eks mara tar-raġel kienet soġġetta għal ordni ta’ protezzjoni, u l-akkużat ma setax jagħmel kuntatt magħha. Kien spjegat kif huwa ċemplilha sabiex isolvu l-kwistjonijiet tal-aċċess u tal-manteniment.
Ir-raġel kien akkużat li uża vjolenza morali jew psikoloġika kontra l-eks mara tiegħu, ikkawżalha biżà li tkun vjolentata, kiser ordni ta’ protezzjoni u insulta jew hedded lill-mara.
L-avukat tad-difiża qal li r-raġel kien qed iħossu mwarrab mit-tliet uliedu.
Fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u l-ksur tal-ordni ta’ protezzjoni, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.