Ryan Briffa ta’ 30 sena mill-Marsa inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati t’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga fost oħrajn. Hu ġie arrestat f’rejd milll-Pulizija l-Ġimgħa filgħaxija, fejn instabu diversi boroż bi qratas suspettati droga kokaina u eroina fost oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Steven Ryan Micallef u Mark Anthony Mercieca, spjegat li kien wara diversi lmenti dwar Triq Prince Albert fil-Marsa li l-Pulizija bdiet tissorvelja l-akkwati.
Hawn il-Pulizija nnutat numru ta’ persuni magħrufa magħha li kienu allegatament qed jiffrekwentaw il-garaxx ta’ Briffa fit-triq imsemmija.
Jidher ukoll li dawn l-istess persuni kienu jgħaddu l-flus lil Briffa minn tieqa tal-ħadid u hu jgħaddilhom xi oġġetti lura.
Minn fuq il-post ġew elevati wkoll miżien, numru ta’ skieken, flus kontanti, kif ukoll oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga. Il-Prosekuzzjoni għalhekk xliet lil Briffa li fuqu kellu droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, u li kien anqas minn mitt metru ‘l bogħod minn skola. Huwa nstab ukoll li kien riċediv u li kiser kundizzjonijiet imposti lilu mill-Qorti f’sentenzi differenti.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, l-imputat wieġeb mhux ħati.
L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia ma talbux għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbu li l-imputat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Carmeli taħt il-kura ta’ konsulent u psikjatra. Il-Qorti laqgħet din it-talba.