Simon Leyton Rachid ta’ 22 sena, mill-Belt, inżamm arrestat, wara li ġie mixli b’serq ta’ BMW u mowbajl użati mit-tfajla tiegħu.
L-allegat każ seħħ waqt li kien fuq il-libertà proviżorja, b’rabta ma’ każ ta’ estorsjoni sesswali.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistart Gabriella Vella, huwa ġie mixli wkoll li hedded lill-mara, li għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika, u li kiser il-paċi pubblika u l-kundizzjonijiet tal-pleġġ 3 darbiet.
F’wieħed mill-każijiet li fihom ingħata l-libertà proviżorja, l-imputat u erba’ oħra ġew mixlija li heddew raġel li miegħu kien involut sesswalment, sabiex jagħtihom il-flus.
L-avukat difensur ta’ Rachid qal li l-mara kienet il-vera sidt tal-karozza u li kienet tatu permess jużaha dakinhar. Żied jgħid li minkejja li l-vettura kienet tagħha, għal xi raġuni kienet irreġistrata f’isem il-persuna li ressqet ir-rapport.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kellha xhieda ta’ konversazzjonijiet fejn il-mara kienet talbet lill-akkużat biex jirritornalha l-karozza.
Hu kien heddidha wkoll li joqtolha jekk “tħarbatlu l-libertà proviżorja”.
L-Ispettur ikkonferma li l-Pulizija taw l-oġġetti misruqa lura lill-mara iżda ddikjarat l-arrest bħala validu.
L-imputat wieġeb li mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif huwa kiser dawn il-kundizzjonijiet aktar minn darba u għaliex iridu jitilgħu aktar xhieda.
Id-difiża sostniet li dan ma jagħmilx awtomatikament persuna ineliġibbli għal-libertà.
Il-Qorti rrimarkat li waħda mill-akkużi kienet relatata ma’ theddid kontra s-sieħba li kellu dak iż-żmien. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ sentejn favur l-eks sieħba tal-akkużat.
Ritratt: leungchopan / Shutterstock