Tyson Bugeja ta’ 23 sena mill-Marsa nżamm arrestat wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li għal darb’oħra hedded lill-eks sieħba tiegħu.
Bugeja kiser il-kundizzjonijiet tal-ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma wara li omm il-vittma għamlet rapport mal-Pulizija wara li bintha ċemplitilha mwerwra.
Ir-raġel, li allegatament kisser il-windscreen tal-vettura tal-eks sieħba tiegħu, injora l-ordnijiet tal-Qorti u allegatament mar quddiem ir-resdienza tal-eks sieħba tiegħu b’rabja kbira u armat b’sikkina.
Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Wara talba għall-ħelsien mill-arrest mill-ġdid il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman ma qablitx fejn qalet kif dan diġà ngħata ċans u kiser il-kundizzjonijiet mill-ħelsien mill-arrest u reġa’ rrepeta l-offiża.
Il-Qorti ppresedura mill-Maġistrat Aaron Bugeja ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet kif jekk jirriżulta li l-mara għamlet rapport falz, hemm possibilità li teħel sentenza ta’ ħabs.
Intant il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat fis-sezzjoni taż-żgħażagħ fil-ħabs.