Il-Qorti tal-Appell reġgħet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ persuna li qed ikun akkużat li kien kompliċi f’każ fejn allegatament kienet se tipprova tinħaraq mara.
Gavin Spagnol qed ikun akkużat li kien ma’ Alvin Pullicino li prova joqtol lill-oħt l-eks sieħba tiegħu. Meta x-xahar li għadda l-vittma xehdet fil-Qorti rrakkontat kif intefa’ l-petrol fuq il-karozza u rnexxielha taħrab għax il-lighter ta’ Pullicino ma ħadmitlux.
Kemm Pullicino kif ukoll Spagnol ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest. Id-difiża ta’ Spagnol saħqet li dan kien ipparteċipa b’mod marġinali fil-każ u nzerta fil-post il-ħażin fil-ħin il-ħażin. Sar l-argument li r-raġel għandu kondotta nadifa.
Iżda, l-avukat tal-uffiċċju tal-avukat ġenerali argumentat li għadu ma xehedx it-tifel ta’ għaxar snin li kien fil-karozza. Hemm ukoll persuni oħra li jridu jixhdu.
L-Imħallef Edwina Grima nnotat fid-deċiżjoni tagħha li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri ħafna u tenniet li jista’ jkun kontroproduttiv biex jingħata l-ħelsien mill-arrest. L-akkużat jgħix ukoll fl-istess lokal tal-vittmi, Ħaż-Żabbar.