Colin Pavia ta’ 48 sena residenti l-Fgura nżamm arrestat wara li ġie mixli li kien kompliċi fil-ħruq ta’ karozza tat-tip Mazda Demio.
L-allegat każ imur lura għat-12 ta’ Diċembru u ż-żmien ta’ qabel u kien akkużat ukoll li kien kompliċi fit-twettiq ta’ ħsara volontarja fuq il-propjetà ta’ terzi, inkluż ta’ karozza oħra li ħadet in-nar b’konsegwenza, filwaqt li hu riċediv.
L-akkużat li jaħdem bħala xufier tal-minibus wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti onorat it-talba għall-protezzjoni mill-Prosekuzzjoni fil-konfront ta’ sidien taż-żewġ karozzi.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-fedina penali tal-imputat, li hemm biża’ ta’ intralċ tal-provi u ta’ reat ieħor. Dawn ir-raġunijiet ġew ikkontestati mid-difiża għal diversi raġunijiet fosthom li l-imputat mar b’mod volontarju għand il-Pulizija.
Minkejja dan il-Qorti ċaħdet din it-talba minħabba n-natura tal-każ u għaliex għad fadal xhieda pajżana li għad iridu jixdhu.