Mahmoud Mustafa Mohammed Aldabah ta’ sitta u għoxrin sena mil-Libja nżamm taħt arrest, wara li ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija kienet għaddejja b’ronda f’Paceville meta lemħet lill-imputat, li kienu jafu kif jidher minħabba li dan jiffirma fl-għassa.
Intqal li kif lemaħ lill-Pulizija, l-imputat daħal jistaħba fl-istabbiliment fejn kien qiegħed, iżda xorta waħda nstab. Intqal ukoll li din hija t-tieni darba din is-sena li ġie mixli bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti.
Dan b’rabta ma’ każ li jmur lura sena ilu, fejn huwa kien mixli li wara li ħabat bil-karozza attakka l-mara u r-raġel li kienu qed isuqu l-karozza l-oħra.
Id-difiża ma talbitx għall-ġelsien mill-arrest, u għalhekk inżamm arrestat.