Denis Cremona ta’ 48 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li, fil-pussess tiegħu f’kamra ta’ lukanda, instabu għaxar qratas suspettati tal-kokaina u tmienja suspettati tal-eroina.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat ma kienx qed jiffirma fl-għassa tal-Pulizija kif obbligat u saħansitra ma deherx il-Qorti b’rabta ma’ każ ieħor. Għaldaqstant inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu.
Dan wassal biex uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità innotaw lill-imputat fil-vettura tiegħu fil-Qawra. Hemmhekk fittxew fuqu fejn instabu għadd ta’ pakketti suspettati tal-kokaina u l-eroina qabel ma saret tfittxija ulterjuri fil-kamra tal-lukanda.
Cremona, li m’għandux indirizz fiss, kien arrestat il-Ħamis u tressaq il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu fejn ġie mixli b’pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu ekslussiv tiegħu. Hu kien mixli wkoll li kiser talba għall-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ reat preċedenti u li huwa riċediv.
Intqal li l-imputat kien qal lill-Pulizija li qartas minn dawk li nstabu kien bikarbonat tas-sodju.
Cremona wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni li nnotat kif hemm riskju li jkompli jwettaq aktar reati.
Għaldaqstant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, ma laqgħetx din it-talba fid-dawl tan-natura tal-każ u għall-fatt li l-każ għadu fil-bidu tiegħu.