Leon Debono ta’ 27 sena li joqgħod iż-Żebbuġ baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi James Mallia u Mark Cremona, ġie spjegat li fid-9 ta’ Diċembru l-imputat agredixxa u hedded kuntistabbli tal-Pulizija. L-imputat nieżel minn jeddu l-għassa ftit tas-sigħat wara u hemmekk ġie arrestat.
Intqal li waqt l-interrogazzjoni, l-imputat allegatament reġa’ hedded lill-ispettur James Mallia u qallu li meta joħroġ mill-ħabs se jpattihilu. Ftit wara allegatament qallu li ma ridtx ifisser xejn ħażin imma li se jiktiblu post fuq Facebook.
Huwa ġie akkużat ukoll li saq karozza mingħajr liċenzja u li hu riċediv.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata miIl-Prosekuzzjoni fuq il-fatt li għandu fedina penali kkulurita. Mill-banda l-oħra d-difiża qalet li din il-kwistjoni kienet xi ħaġa spontanja u mhux biex jipprova jweġġa’ jew iħebb għal xi ħadd.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.