Raġel ta’ 36 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ fastidju sesswali fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Huwa tressaq il-Qorti l-Erbgħa quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia u ġie akkużat ukoll li żamma kontra r-rieda tagħha u li kkawżala ġrieħi fost oħrajn.
L-imputat li joqgħod Ħal Qormi ġie mixli b’dawn l-akkużi propju b’rabta ma’ każ li allegatament seħħ nhar it-Tlieta li għadda f’Birkirkara fejn ingħad li l-imputat ġiegħel lill-eks sieħba tiegħu tuża ġugarelli sesswali kontra r-rieda tagħha.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel mar fuq il-post tal-eks sieħba tiegħu wara li temmew ir-relazzjoni tagħhom ta’ tmintax-il xahar. Il-Prosekuzzjoni spjegat li r-raġel tenna li kien qed jipprova jirranġa r-relazzjoni u bgħat ritratt ta’ manetti u frosta lill-vittma.
Intqal ukoll li l-akkużat sostna mal-pulizija li huma bdew jużaw dawn l-aġġeġġi madankollu l-vittma mal-pulizija sostniet li r-raġel sar vjolenti meta ma riditx tuża’ dawn il-ġugarelli.
Kien hemm li ġie spjegat kif l-allegata vittma bdiet twerżaq u ppruvat taħrab madankollu l-imputat allegatament qabadha minn xagħra u ma ħallijiex titlaq.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat anke minħabba li kellu l-kondotta nadifa.
Madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef tenniet li l-allegata vittma għad trid tixhed filwaqt li kien hemm il-possibbiltà tat-tbagħbis tal-provi.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Ishmael Psaila deher bħala parte civile għall-allegata vittma filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.