Il-Qorti ordnat sabiex Jomic Calleja ta’ 34 sena jinżamm arrestat.
Huwa qed jiġi akkużat li allegatament xtara u prova jdaħħal splussiv f’Malta.
Fil-qorti, il-prosekuzzjoni qalet li allegatament Jomic Calleja prova jixtri l-velenu, materjal radjoattiv kif ukoll splussiv tat-tip C-4.
Il-pulizija qed tinvestiga għal min kien fil-mira ta’ Jomic anki hekk kif persuni li qed jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet.
Fis-seduta tal-bieraħ, xehed l-espert Joseph Mallia li eżamina l-kaligrafija tal-kitba tal-imputat kif ukoll tal-missier bioloġiku tiegħu.
Missieru Carmel Grech, xehed li hu qatt ma ffirma kuntratt biex jikri showroom f’Ħal Qormi. Minkejja li l-kuntratt juri firma u numru tal-karta tal-identità ta’ Carmel Grech, huwa baqa’ jinsisti li qatt ma ffirma l-kuntratt.
Il-Qorti ħatret lill-espert Joseph Mallia li sab illi l-firma ġiet iffalsifikata mill-akkużat.
Għaldaqstant il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech reġgħet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit.