Raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’akkużi relatati ma’ vjolenza domestika kontra martu, fosthom li sfurzaha biex ikollha x’taqsam miegħu. Jidher li r-raġel, li huwa mill-Iraq, ta dettalji foloz dwaru lill-pulizija.
Qed ikun irrappurtat li kienu diġà saru xi rapporti fuq insulti u theddid fil-passat, iżda jidher li fl-aħħar jiem, l-akkużat bagħat jgħid lil martu li ġej id-dar għaliex ried ikollu x’jaqsam magħha. Jidher li martu baqgħet tirreżisti u l-akkużat insulentaha u kissrilha l-mobile.
L-akkużat wieġeb mhux ħati, u d-difiża m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, kemm minħabba n-natura tal-każ u minħabba l-fatt li l-akkżuat m’għandux fejn jgħix.