Doru Giani Borcea, raġel ta’ 44 sena mir-Rumanija nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’serq minn ħanut tal-logħob fi Triq Dun Nerik Cordina Perez, ta’ ammont ikbar minn €2329.37 , u li kkawża ħsara ta’ iktar minn €2500.
Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispetturi Robert Vella u Shawn Pawney spjegat kif għas-1.30am il-Pulizija kienu infurmati li ‘tracker’ fil-ħanut wera attività irregolari fil-ħanut.
Spjegaw li fit-tfittxija li saret fi Triq San Vincenz, li tinsab wara l-istabiliment, membru tal-RIU semgħu ħoss qawwi, u sabu lir-raġel jokrob.
Eventwalment ir-raġel ittieħed l-isptar minħabba ġrieħi serji f’siequ, fejn – kif spjegat id-difiża tal-akkużat, kien saħansitra f’riskju li jitlef siequ.
Fil-Qorti l-akkużat wieġeb mhux ħati, u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif l-akkużat m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna.
Il-Maġistrat Ian Farrugia nnota l-qagħda ta’ saħħa tal-akkużat, sabiex id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikun fl-aħjar sitwazzjoni biex jieħu deċiżjonijiet li hemm bżonn.