Raġel Ingliz ta’ erbgħa u tlettin sena ma ntgħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkuzat li ferixxa gravament lill-turist.
Simon Anthony Robert Tartaglia deher fil-Qorti akkużat b’ użu ħażin ta’ arma bl-intenzjoni li joqtol jew ipoġġi ħajjet ħaddieħor fil-periklu, li kellu fuqu sikkina jew arma ppuntata mingħajr il-permessi neċessarji kif ukoll li hedded lill-persuna. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta provisorja. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li ġie akkużat b’użura.
Qabel ma beda jinstema’ l-każ l-avukat difensur qalet lill-Maġistrat Gabriella Vella li kellha dubji serji jekk l-akkużat hux fi stat tajjeb ta’ saħħa mentali. Il-Qorti appuntat psikjatra sabiex janalizzah.
Waqt li kien qed jgħati x-xhieda tiegħu l-ispettur Godwin Scerri qal li ssejjaħ fuq il-post f’San Pawl il-Baħar fit-3:00 ta’ filgħodu tad-9 ta’ Settembru. L-uffiċjali tal-Pulizija sabu raġel ferut b’daqqiet ta’ sikkina f’wiċċu u ammont sostanzjali ta’ demm mal-art. Il-vittma ġiet iċċertifikata li soffreit minn ġrieħi ta’ natura gravi wara li qala daqqiet ta’ sikkina f’għonqu.
Stepan Mosler, ċekoslovak, wieħed mit-tlett persuni li l-akkużat allegatament hedded qal li hu u sħabu kienu mixjin f’San Pawl il-Baħar meta għall-ħabta tas-2:45 ta’ filgħodu wara lejl f’pub sabu lill-akkużat ħdejn rota ħamra.
Huwa qal lill-Qorti li staqsew lil Tartaglia jekk jistgħux jisselfuha. L-akkużat aċċetta u wieħed minn sħab Mosler telaq biha għall-dawra qasira. Wara ftit minuti dan waqa’ minn fuq ir-rota. Kien propju hawn li l-akkużat allegatament heddidhom u attaka lill-wieħed minnhom b’arma ppuntata.
Xhud ieħor Jakub Stejskal spjega kif l-akkużat “iġġennen” u beda jgħajat magħhom.
Tartaglia wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.