Raġel li abbuża psikoloġikament minn martu għal disa’ snin sħaħ ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest, wara li l-Qorti ddeċidiet li tipproċedi bil-każ minkejja li l-vittma riedet twaqqa’ l-akkużi.
Ir-raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena tressaq il-Qorti wara li martu għamlet rapport mat-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, wara snin ta’ allegat abbuż finanzjarju u psikoloġiku.
L-Ispettur Audrey Micallef spjegat kif il-mara qalet kif żewġha kien iħallas il-kontijiet bil-paga tagħha, kien kontinwament jgħidilha kemm “mhi tajba għal xejn”, u kemm “mhix preżentabbli fil-pubbliku”.
Il-Ħadd filgħaxija, ir-raġel allegatament taha daqqiet ta’ ponn ma’ ġisimha kollha.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-mara u t-tliet uliedhom, wieġeb mhux ħati li kkawża biża’ fuq martu li se tintuża l-vjolenza fuqha, li ssuġġettaha għal vjolenza morali u psikoloġika, li insultaha, li heddidha, u li kkawżalha ġrieħi ħfief.
Il-mara ġiet imsejħa fl-awla meta kien qed jitressaq ir-raġel, u qalet li xtaqet tirranġa l-affarijiet ma’ żewġha u li ħafritlu.
Fil-fatt, il-mara nsistiet li ma tixtieqx tkompli bil-proċeduri.
Il-Maġistrat qalet li ma tinsabx konvinta dwar id-deċiżjoni tal-mara, u wara li kkonsultat mal-Kodiċi Kriminali u semgħet liż-żewġ partijiet, il-Qorti ordnat biex il-proċeduri jitkomplew.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi, li jmorru lura s-snin.