Goran Stojanovski ta’ 42 sena mill-Maċedonja inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’għadd ta’ akkużi fil-konfront tiegħu.
Fosthom li fl-għaxra t’Awwissu li għadda, flimkien ma’ persuna oħra, bi vjolenza seraq ammont ta’ flus li ma jaqbiżx l-elfejn u tliet mitt ewro minn ħanut f’San Pawl il-Baħar.
Ġie akkużat ukoll li jumejn wara f’San Ġiljan, bi vjolenza, seraq ammont li wkoll ma jeċċedix l-elfejn u tliet mitt ewro, żamm jew issekwestra żewġ persuni u kkaġunalhom ġrieħi ħfief, u kellu fuqu arma tan-nar, jew imitazzjoni ta’ waħda.
Ġie akkużat ukoll li fit-tnax t’Awwissu jew f’dawk il-ġranet, iffalsifika jew għamel użu minn dokumenti foloz, u li kellu fil-pussess tiegħu pepper spray li hu pprojbit skont il-liġi.
Fl-akkużi tagħha, l-prosekuzzjoni nnutat li r-raġel hu reċediv, permezz ta’ diversi sentenzi mogħtija fil-konfront tiegħu mill-Qrati tal-Maċedonja.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh, u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ordna li r-raġel jinżamm arrestat anki fid-dawl li r-raġel f’Malta la għandu indirizz fiss, u lanqas xogħol.