Jeffry Varghese li għandu 30 sena wieġeb mhux ħati u baqa’ jinżamm arrestat.
Dan wara li ttella’ l-Qorti mixli li għamel atti ta’ natura sesswali fil-konfront ta’ mara u li żamm lill-mara kontra l-volontá tagħha.
Hu kien akkużat ukoll b’serq aggravat minn karozza u li għamel ħsara fuq il-karozza.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-pulizija rċeviet rapport u marret fuq il-post biex tinvestiga każ ta’ serq minn karozza fejn il-vittma spjegat li kellha problema bil-karozza, l-imputat ipprova jgħinha u waqt li kien qed jagħmel dan, allegatament għamel xi avvanzi fuqha.
Fuq il-post marru l-pulizija fejn raw persuna suspettuża u arrestaw lill-imputat.
L-avukat tad-difiża Robert Piscopo talab għall-ħelsien mill-arrest u spjega li hija diffiċli li jkun hemm intralċ tal-provi hekk kif qal li l-evidenza li hija diġá miġbura.
Il-Qorti ppresedutha mill-Mġaistrat Gabriella Vella, ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien minħabba s-severitá u l-gravitá tal-akkużi.
Dan filwaqt li l-Qorti nnutat ukoll li l-allegat vittma għadha trid tixhed fil-Qorti.
Il-Maġistrat Vella ħeġġet lill-prosekuzzjoni biex ittella’ lix-xhieda tagħha malajr kemm jista’ jkun.