Ogaga Epete, Niġerjan ta’ 26 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli fost oħrajn li stupra l-għarusa tiegħu.
L-allegat kas seħħ f’Ottubru li għadda fl-appartament tal-mara fil-Gżira, fejn tgħix flimkien mat-tifel tal-ħabib tal-akkużat.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, l-Ispettur John Spiteri, qal li fil-25 ta’ Ottubru daħal rapport għand it-taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fejn mara allegat li ġiet stuprata mill-għarus tagħha l-lejl ta’ qabel.
Fir-rapport li għamlet, il-mara qalet li n-Niġerjan beda jaġixxi differenti magħha, baqa’ jitlobha tagħmel atti sesswali miegħu kontra r-rieda tagħha u quddiem persuna oħra. Allegat ukoll li qalilha li hija x-xitan u ried li jkollu x’jaqsam max-xitan.
Il-mara qalet lill-pulizija, li qatt ma rat lill-għarus tagħha jaġġixxi b’dak il-mod u li ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala stramba ħafna.
L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda, l-proskuzzjoni oġġezzjonat. Il-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba.