Petro Palamar ta’ erbgħa u tletin sena mill-Ukrajna inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati li seraq minn żewġ residenzi.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif fil-ħmistax t’Awwissu seħħet serqa minn numru ta’ appartamenti fl-istess blokka, u wara l-investigazzjoni tagħha, il-Pulizija waslet għar-residenza fejn kien qed jgħix l-imputat fil-Mellieħa.
F’dawn is-serqiet insterqu mal-erbgħin elf ewro f’ġojjellerija.
Fil-kamra tal-akkużat allegatament instabu diversi oġġetti tad-ditta, iżda huwa qal lill-Pulizija li dawn kienu tiegħu u xtrahom minn Buġibba.
Mal-wasla tagħhom fl-appartament tal-imputat, intqal li l-Pulizija ħabbtu u ħadd ma wieġeb, minkejja li setgħu jisimgħu xi persuni ġewwa. Wara li sgassaw il-bieb, kien hemm persuna oħra li qabżet fix-xaft u ħarbet minn fuq il-post, iżda dan ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
Intqal li l-imputat kien qed jgħix ma’ persuni oħra, iżda wara dan l-episodju, il-prosekuzzjoni stqarret li hemm dubji serji jekk l-imputat hux se jitħalla jerġa’ jgħix magħhom.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif innutat li l-imputat m’għandux indirizz fiss.