Clint Cauchi ta’ 34 sena mis-Siġġiewi nżamm arrestat wara li allegatament seraq kaxxi li fihom jinġabru donazzjonijiet għall-karita filwaqt li talab il-flus fit-triq. Dan hekk kif il-Qorti semgħet li kellu bżonn l-għajnuna jegħleb il-vizzju tad-drogi.
Cauchi tressaq il-Qorti mill-Ispettur Alfredo Mangion quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, u akkużah b’serq, ksur ta’ tliet libertajiet proviżorji u li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ ordni ta’ probation.
Kien akkużat ukoll li dejjaq diversi persuni f’Ħal Qormi bl-intenzjoni li jitkarrab għal flus. Il-libertajiet proviżorji b’kollox jammontaw għal għaxart elef ewro.
Filwaqt li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, l-avukat tal-għajnuna legali ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Filwaqt li nżamm arrestat, il-Qorti ordnat lid-Direttur tal-ħabs sabiex jipprovdi għajnuna medika u dik b’rabta mad-dipendenza fuq id-droga lill-akkużat.