Victor Lofreda li għandu 39 sena mill-Gudja wieġeb mhux ħati għal akkużi relatati mal-użu ta’ ismijiet foloz, qligħ minn qerq u ksur ta’ libertá proviżorja fost oħrajn.
L-ispettur rrakkontat li daħlu rapport relatati ma’ numru ta’ posts fuq Facebook li kienu qed jistaqsu biex jikru garaxx.
Huwa mifhum li r-raġel kien jirreferihom għal persuna terza li tikri garaxx u li fil-veritá l-persuna terza kienet l-imputat stess.
B’hekk in-nies kienu jċemplu lill-imputat, kienu jiltaqgħu biex jagħtuh depożitu fuq il-garaxx iżda mbagħad kien jaqta’ l-kuntatt minn magħhom.
Intqal li r-raġel kien jagħtihom irċivuta u ismijiet foloz.
L-avukat tad-difiża Franco Debono spjega li r-raġel ikkopera bi sħiħ mal-pulizija.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li r-raġel ibati mill-vizzju tal-logħob tal-ażżard u saħansitra hemm kwistjoni ta’ użura. Minkejja dan, l-imputat wera x-xewqa ta’ paġna ġdid f’ħajtu.
F’dan l-istadju, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u sostniet fuq pjan ta’ kura għall-imputat waqt li jkun qed jinżamm fil-faċilitá korrettiva f’Kordin.