Raġel ta’ 27 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti akkużat li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ oħtu u li kkorrompiha.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat li kien hemm rapport min-naħa tas-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal fejn l-allegat vittma għamlet dikjarazzjoni rigward abbuż li seħħ meta hi kienet għadha toqgħod fid-dar tal-ġenituri mal-imputat.
L-avukat tad-difiża Ishmael Psaila talab għall-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni u spjegat li meta ġiet mitkellma mill-pulizija, il-minuri wriet biża’ għaliex allegatament batiet is-swat apparti l-abbuż inkwistjoni.
Ġie spjegat li l-aħwa għandhom familja numeruża u għaldaqstant il-biża’ ta’ intralċ qalet l-ispettur li huwa reali għall-prosekuzzjoni.
L-avukat tad-difiża Ishmael Psaila spjega li l-aħwa ilhom xhur twal ħafna ma jikkomunikaw b’xi mod u saħansitra qal li dawn l-akkużi, l-imputat sar jaf bihom ġurnata qabel ittella’ l-Qorti.
L-avukat Psaila sostna wkoll li t-tifla tinsab taħt protezzjoni u kura ta’ aġenzija.
Il-prosekuzzjoni rribattiet li minkejja li t-tifla qiegħda taħt il-protezzjoni, ma jfissirx li t-tifla minuri ma’ tgħix ħajja normali ta’ żagħżugħa.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien minħabba l-gravitá tal-akkużi fil-konfront tal-imputat u l-fatt li l-allegata vittma għadha minorenni.
Il-Maġistrat Gabriella Vella saħansitra ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tifla minuri.