Lawrence Fabri ta’ 38 sena mill-Isla nżamm arrestat wara li l-Erbgħa filgħodu tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta’ diversi pilloli ecstacy.
Fabri kien arrestat it-Tlieta f’Paceville wara li fil-pussess tiegħu nstabu 120 pillola ecstacy, 60 minnhom fil-karozza tiegħu filwaqt li 60 oħra nstabu ġo bandli f’Paceville stess.
Ir-raġel irreżista l-arrest. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Mercieca u Anthony Scerri qalu li Fabri kien fil-pussess ta’ sustanzi lleċiti mitt metru f’post fejn ikun frekwentat minn diversi żgħażagħ.
L-akkużat qal mhux ħati u talab għal ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqatx it-talba minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet tal-puliżija għadhom għaddejin.