Brian Refalo ta’ tletin sena li jgħix il-Kalkara baqa’ jinżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati li kien involut fit-traffikar tad-droga u li kkawża ġrieħi fuq uffiċjal pubbliku.
FIl-Qorti nstema’ kif l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga fi ħdan il-Pulizija irċiviet informazzjoni li kien se jkun hemm xi attività ta’ traffikar fil-Marsa, u għalhekk, il-Pulizija ħejjiet l-osservazzjonijiet tagħha fiż-żona fejn kien se jseħħ it-traffikar.
Hawn il-Pulizija lemħu vann iswed allegatament misjuq mill-imputat, u l-imputat intlemaħ iġorr basket. Kien hawn li l-Pulizija identifikaw ruħhom bħala Pulizija, u ppruvaw iwaqqfu lill-imputat, iżda dan allegatament prova jaħrab minn fuq il-post bil-vann, fejn laqat diversi karozzi tal-Pulizija.
Minn hawn il-Pulizija saqu wara l-imputat, li allegatament kompla jaħbat f’diversi karozzi pparkjati, sakemm daħal fi triq, saq fuq bankina, u ħarab minn fuq il-post bil-ġiri. Kien hawn li allegatament weġġa uffiċjal tal-Pulizija.
Fil-Qorti ntqal kif l-imputat ġie arrestat meta mar jiffirma l-bail book fl-għassa, hekk kif dan għandu kawża simili li wasslet fl-istadju tal-appell.
Id-difiża appellat għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, hekk kif l-imputat huwa allegatament riċediv, u dan ir-reat juri l-karattru riċediv tiegħu.