Malti ta’ 52 sena nżamm arrestat wara li ġie akkużat li għamel avvanzi sesswali fuq mara ta’ 32 sena mingħajr il-kunsens tagħha is-Sibt fil-21 ta’ Mejju f’karozza f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Ir-raġel, li joqgħod Ħaż-Żebbuġ u li ismu ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-akkużat lest jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Qorti u joqgħod ‘il bogħod mill-vittma.
Il-vittma fil-Qorti kienet tidher imwerwra b’dak li ġara u kellha tinħareġ mill-awla.
Il-prosekuzzjoni qalet li ħames snin ilu l-akkużat kellu każ ta’ vjolenza li għalih weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. L-Ispettur qal waqt li kien qed jiġi interrogat beda jibki u ammetta għal dak li ġara.
Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ordnat li jinżamm arrestat.