Nazzareno Dalli ta’ 43 sena, residenti Bormla, inżamm arrestat mixli li pprova joqtol u weġġa’ gravi żewġ t’ibniet, ta’ 12 u 15-il sena.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, hu ġie mixli wkoll li żamm lill-bniet kontra l-volontà tagħhom, li kellu arma fil-pussess tiegħu u li kellu fuqu d-droga kokaina.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li d-Difiża m’għamlet ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-każ seħħ nhar is-Sibt, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar, f’residenza fi Triq San Tumas, fil-Marsa, fejn allegatament weġġa’ liż-żewġt ibniet.
Skont rapporti fil-midja, it-tifla ta’ 12-il sena, kienet rieqda meta qalgħet 17-il daqqa ta’ sikkina.
Preżenti fir-residenza kien hemm ukoll tifel ta’ 14-il sena.
Iż-żewġt ibniet ittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn waħda ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi u l-oħra, li weġġgħet b’mod serju.