Renald Baldacchino minn Ħal-Qormi ttella’ l-qorti akkużat li fera raġel b’mod ħafif u nsultah u heddu bil-mewt. Dan apparti l-akkużi ta’ serq aggravat u li fi ħdanu kellu oġġetti misruqa bl-intenzjoni li jbiegħhom.
Baldacchino, preżentament qiegħed jiskonta sentenzi oħra imposti fuqu mill-Maġistrati Anthony Vella, Grazio Mercieca u Natasha Galea Sciberras iżda l-imputat qed jiġi akkużat ukoll li kiser numru ta’ kundizzjonijiet li orġinaw minn dawn is-sentenzi. Ma’ dawn l-akkużi, il-prosekuzzjoni talbet sabiex l-individwu jibda jitqies bħala riċediv. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għar-raġunijiet ta’ kontaminazzjoni tat-tnax –il xhud li għandha l-pulizija f’dan il-każ. Ix-xhieda ta’ dan il-każ jirresjedu mal-imputat f’garaxx minħabba li għal xi raġuni dawn l-individwi spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
L-ispetturi Rodrick Agius u Shaun Friggieri esprimew it-tħassib tagħhom għall-affidabilità tl-imputat hekk kif din m’hijiex l-ewwel darba li l-akkużat ttella’ l-qorti.
L-ispetturi saħqu li Baldacchino ngħata diversi ċansijiet sabiex hu jirreabilità ruħu. Min-naħa tiegħu l-avukat ral-akkużat, Noel Bianchio saħaq li l-imputat ikkopera mal-pulizija kif ukoll dejjem deher quddiem il-qorti meta kien mgħajjat. Imbikkem, b’wiċċu f’idu, l-imputat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.