Tuneżin ta’ 30 sena li joqgħod l-Imsida baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ akkużi ta’ serq, frodi u anke falsifikazzjoni ta’ firem.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia intqal kif nhar is-Sibt 16 ta’ Frar li għadda l-imputat allegatament seraq ħwejjeġ b’valur ta’ aktar minn elfejn u tlett mitt ewro minn Gallerija Darmanin fl-Iklin. Akkużi oħra huma li fid-19 ta’ Frar li għadda seraq scooter tal-elettriku b’valur ta’ aktar minn elfejn u tlett min ewro minn San Ġwann, fis-6 ta’ Marzu li għadda seraq ktieb taċ-ċekkijiet u fid-9 u għaxra ta’ Marzu f’Ta’ Sliema wettaq serqa ta’ dokumenti u oġġetti minn karozza.
Fost l-oħrajn it-Tuneżin ġie akkużat ukoll li f’bosta stabbilimenti differenti madwar Malta għamel użu u falsifikazzjoni taċ-ċekkijiet misruqa.
Id-difiża tmexxiet mill-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Andrew Agius, Michael Vella u Leeroy Balzan Engerer.