Palestinjan ta’ erba’ u tletin sena se jqatta’ l-iljieli f’Kordin wara li l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti akkużat li uża l-vjolenza fuq martu u li pprova jħebb għal bintha.
Il-każ seħħ meta r-raġel ried jara lil ibnu u allegatament mar għand martu f’Ħaż-Żabbar fejn ħebb għaliha u kkaġunalha ġrieħi f’wiċċha.Il-koppja ilha miżżewġa tnax-il sena u għandhom tifel t’għaxar snin, iżda ma jgħixux taħt l-istess saqaf.
F’awla numru erbatax, quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u passi ’l bogħod mill-mara b’wiċċha mimli tbenġil, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.
L-avukat Victor Bugeja, bl-akkużat bilwieqfa ħdejh b’għajnejh miksura jħares lejn il-Maġistrat bil-għan li jkollha ħniena minnu, talab għal-libertà proviżorja.
Talba li ġiet miċħuda, bil-Qorti ordnat li l-imputat jinżamm arresat biex ikunu protetti kemm il-mara, kif ukoll bintha ta’ ħmistax-il sena li kellha qabel ma żżewġet lill-Palestinjan.