Hasan Youssef Sulayman ta’ 23 mis-Sudan u li joqgħod Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli bi vjolenza domestika għat-tieni darba fuq is-sieħba tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Sharona Buhagiar, spjegat li l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru, l-akkużat allegatament kkaġuna ġrieħi f’ras l-allegat vittma u kellha tagħmel il-punti. Intqal li meta l-imputat ġie arrestat hu kien fis-sakra u instabu fuqu xi tip ta’ droga sintetika.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat tal-għajnuna legali talab għall-ħelsien mill-arrest fuq il-fatt li l-allegata vittma sofriet il-ġrieħi mhux ħabba dak li għamel l-imputat imma minħabba li hi kienet fis-sakra u dak il-ħin waqgħet u weġġgħet.
Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba li l-imputat diġa tressaq fuq vjolenza domestika madwar xahar ilu fuq l-istess vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.