Josef D’Amato nżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati wara li ġie mixli bi traffikar u pussess tad-droga kokaina, eroina u kannabis. L-akkużat kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija b’rabta mar-rejd fil-Marsa li saret ftit tal-jiem ilu.
L-akkużat mill-Marsa li l-Ħadd l-għaddha kein wieħed mill-ħames persuni arrestati waqt raid kbir tad-droga, deher quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Żammit fejn ġie akkużat li biegħ id-droga kokaina u eroina filwaqt li traffika d-droga kannabis.
Huwa kien ukoll akkużat li kien fil-pussess ta’ droga kokaina li ma kinitx għall-użu personali tiegħu filwaqt li nstabulu wkoll l-eroina u l-kannabis.
Instab ukoll li D’Amato kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fejn kien ordnat jiffirma l-għassa tal-Pulizija tal-Marsa u li ma jagħmilx reat kriminali ieħor. Fil-Qorti ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u kien għalekk li hu se jkun qed jibqa’ jinżamm arrestat.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.