Jonathan James Borg, ta’ 42 sena, li m’għandux indirizz fiss, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn bi traffikar ta’ persuni, ksur ta’ kundizzjonijiet fuq każijiet preċedenti u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Il-Prosekuzzjoni mmexxi mill-Ispettur Karl Roberts, spjegat kif marbuta ma’ dan il-każ hemm ammont kbir ta’ vittmi, li huma persuni vulnerabbli minn pajjiżi tat-tielet dinja.
Il-parte civile, ppreżentata minn Dr Charles Mercieca, qal kif il-każ jittratta dwar numru ta’ migranti li kienu allegatament japplikaw mal-akkużat għal xogħol u post fejn jgħixu f’Malta – liema applikazzjoni kienu jħallsu somma, bir-riżultat ikun li kif jaslu Malta ma kienu jsibu xejn minn dan.
Spjega kif għall-vittmi kienet aktar diffiċli, hekk kif mal-wasla tagħhom kienu jfittxu lill-akkużat li lanqas biss kellu indirizz fiss ta’ fejn jgħix, u huma kienu jibqgħu ta’ fuqhom senduqhom.
Dr Mercieca qal kif minn dawn l-applikazzjonijiet kienu jammontaw għal ‘il fuq minn 250 waħda.
Għall-akkużat deher Dr Ezekiel Psaila, fejn argumenta kif il-provi jinsabu kollha f’idejn il-Prosekuzzjoni fost oħrajn dokumenti, messaġġi, ritratti u l-kompjuter tal-akkużat filwaqt li kemm-il darba siefer mill-pajjiż u reġa’ rritorna lura Malta li turi kif l-affidibiltá tal-akkużat.
Apparti minn hekk Dr Psaila argumenta kif filwaqt li hemm ‘il fuq minn 250 applikazzjoni rreferuta, ma jfissirx li dawn kollha nġiebu Malta – fejn fost oħrajn uħud minnhom ġew irrifjutati.
Il-Prosekuzzjoni argumentat kif l-akkużat minkejja li ma kellux indirizz fiss, u meta ġie arrestat u mistoqsi dwar fejn jgħix ma kellux risposta, fuq każ preċedenti kellu l-indirizz tal-ġenituri tiegħu mniżżel minkejja li ma kienx jgħix hemm. Irriżulta li dan serva ta’ dewmien għall-investigazzjoni, li wasslet għall-arrest tal-akkużat wara li segwiet l-indirizz li kellu mniżżel fuq app fuq il-mowbajl li twassal l-ikel.
Għall-akkużat saret taba għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll tal-iffriżar tal-assi tal-akkużat.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-iffriżar tal-assi tal-akkużat filwaqt li spjegat kif b’rabta man-nutra tal-każ, l-ammont ta’ persuni li għad irid jixhdu u kif ukoll li ma żammx ma’ ordnijiet preċedenti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti faħħret id-difiża għall-mod kif mexxiet fit-trattazzjoni tagħha u għall-korrettezza lejn il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.