Leandro Mansueto li għandu tnejn u għoxrin sena wieġeb mhux ħati meta ġie affaċċjat b’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga, pussess aggravat u ksur ta’ bail.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li wasslet biex l-imputat ġie mwaqqaf fil-Pieta fejn fuqu nstabu madwar tliet qratas ta’ sustanza suspettata droga kokaina.
Il-pulizija wkoll għamlet tfittxija fir-residenza tal-imputat fejn sabet madwar għaxar qratas oħra flimkien ma’ ammont ta’ flus kontanti.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ħarġet ordni tal-iffriżar tal-assi hekk kif l-ispettur spjega li dawn l-assi jistgħu jkunu t’għajnuna għall-pulizija waqt l-investigazzjoni ta’ dan il-każ.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba għaliha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba xhieda pajżana fosthom sid ta’ garaxx.
L-avukat Franco Debono argumenta li d-droga nstabet ġo vettura u mhux ġol-garaxx li s-sid tiegħu mistenni jixhed fil-każ minħabba għodda li nstabet ġo fih.
Liema għodda tista’ tirriżulta li tkun ta’ relevanza fil-każ.
Debono spjega li quddiem il-Qorti hemm persuna preżunta innoċenti.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex stqarret minħabba n-natura tal-akkużi, ikun prematur li kieku l-akkużat kellu jingħata l-ħelsien.