Qasem Saleh, Sirjan ta’ għoxrin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi relatati ma’ stupru.
Huwa tressaq il-Qorti, l-Erbgħa waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Kevin Pulis spjegat kif nhar is 16 ta’ Awwissu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu l-Pulizija rċeviet rapport dwar allegat stupru mill-vittma li kienet fuq il-linja tal-emerġenza mal-Pulizija.
Il-vittma mal-Pulizija stqarret kif kienet qiegħda fil-baħar fil-limiti tal-Belt Valletta għax kienet qed taħrab minn allegat abbuż fiżiku u sesswali, li kien proprju qed iseħħ dak il-ħin u anke qabel.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega kif sabet lill-allegat vittma fil-baħar, kif spjegat propju ftit qabel, u anke lill-imputat fuq il-post.
Fuq mistoqsija tad-Difiża mmexxija mill-avukat Mario Mifsud, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat ikkopera mal-Pulizija.
Id-Difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest u f’dan l-istadju ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest madankollu talbet biex kemm jista’ jkun malajr tixhed il-vittma sabiex issir it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet din it-talba u ssoleċitat lill-Prosekuzzjoni biex sa fejn hu possibbli, ix-xhieda pajżana jixhdu fl-ewwel seduta jew seduti ta’ din il-kumpilazzjoni.
Minħabba l-età tal-imputat, id-Difiża talbet ukoll sabiex l-imputat jintbagħat fiċ-ċentru għas-servizzi ristorattivi għaż-żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena li jwettqu reat.
B’hekk l-imputat baqa’ jinżamm arrestat.